Matul dawn l-aħħar snin, l-iskola tagħna kompliet tikber u tiġġedded b’mod kontinwu. L-għan ewlieni tagħna huwa li nipprovdu edukazzjoni sħiħa lit-tfal fdati lilna. Filwaqt li nagħmlu ħilitna biex l-esperjenza tat-tfal fl-iskola primarja tkun waħda pożittiva, din l-esperjenza trid ukoll tipprepara lit-tfal tagħna billi tibni l-ħiliet li bihom it-tfal ikunu kapaċi jiffaċċjaw l-isfidi li jiltaqgħu magħhom.
F’dan il-proċess, ikun hemm ħafna ħin li matulu aħna nirriflettu fuq dak li nkunu qed inwettqu biex naraw kif nistgħu intejbu x-xogħol tagħna. Minn żmien għal żmien huwa tajjeb ukoll li nieħdu “ritratt” tas-sitwazzjoni u inħarsu wkoll lejn il-fehma tagħkom il-ġenituri u tal-istudenti tagħna.
Għalhekk qassamna kwestjonarju qasir li nitlobkom timlew u tibagħtu lura mat-tfal. Dan il-kwestjonarju huwa anonimu u mhux suppost jieħu ħafna ħin, iżda permezz tiegħu, intom tkunu qegħdin tgħinuna nfasslu t-triq għall-iżvilupp tal-iskola għas-snin li ġejjin.
Qegħdin ukoll nistaqsu lit-tfal biex iwieġbu xi mistoqsijiet dwar l-esperjenza tagħhom fl-iskola u b’hekk huma wkoll ikunu qed jieħdu sehem attiv fil-proċess ta’ tiġdid li l-iskola l-ħin kollu għaddejja minnu. Il-kwestjonarju tat-tfal qed isir “online” mhux biss biex jiffrankalna x-xogħol iżda aktar importanti minn hekk, biex it-tfal ikunu esposti għat-teknoloġija moderna li qed issir dejjem aktar parti integrali mill-ħajja tagħna.
Intom tistgħu taraw il-kwestjonarju hawn hekk:
L-opinjoni tat-tfal hija importanti ħafna għalina u din tkompli ssaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika tat-tfal fil-ħajja tal-iskola.
Grazzi tal-għajnuna u l-koperazzjoni tagħkom.
Charlot Cassar
Kap tal-Iskola