Ġbir ta’ Kotba u Pitazzi mill-ġenituri minħabba l-COVID-19

Għeżież Ġenituri/Kustodji

Nitlobkom taqraw sewwa din iċ-ċirkulari. Fil-jiem li ġejjin ħa nkunu qed naħdmu biex intom tkunu tistgħu tiġbru l-kotba u l-pitazzi tat-tfal mill-iskola.

Nitlobkom tifhmu li fi skola kbira dan mhux eżerċizzju ta’ ġurnata. Importanti li tatuna ċans norganizzaw din il-biċċa xogħol skont id-dispożizzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Intom ħa tirċievu messaġġ fuq il-mobile (sms) b’appuntament, bil-ġurnata u l-ħin meta tistgħu tiġbru l-kotba u l-pitazzi tat-tfal mill-iskola. Nitolbukom iġġibu magħkom baskett kbir u pinna (biro).

Intom mitluba tidħlu l-iskola mill-bieb tas-soltu, tiġbru l-affarijiet tat-tifel/tifla tagħkom, tiffirmaw karta li tindika li intom ġbartu l-affarijiet u tibqgħu ħerġin mill-bieb li jagħti fuq Triq il-Kunvent.

Importanti li kulħadd iżomm mal-ħin u ma jkunx hemm ġemgħat.

Niġbdilkom l-attenzjoni għall-fatt li meta l-iskola tibgħat messaġġ fuq il-mobile (sms) dan jinżamm fir-rekords tagħna. Għaldaqstant, għalxejn wieħed jargumenta li ma ġiex infurmat kif qed jippruvaw jagħmlu numru żgħir ta’ ġenituri.

Grazzi u tislijiet

Charlot Cassar
Kap tal-Iskola