It-Tagħlim Jibqa’ Għaddej

Bdejna ġimgħa oħra. It-tagħlim fl-iskola tagħna, għalkemm b’mod differenti mis-soltu jibqa’ għaddej. Prosit tassew lil dawk it-tfal (u l-ġenituri li hemm warajhom) li qegħdin jagħmlu x-xogħol li qed nagħtuhom bil-għaqal u r-reqqa. Nitpaxxa naqra l-kitbiet tat-tfal. Aktar minn hekk, nieħu gost nara kif it-tfal qed jaddattaw ruħhom għal din is-sitwazzjoni u qed jitgħallmu jużaw għodod diġitali li żgur ser ikunu ta’ għajnuna kbira f’ħajjithom.

Fid-dinja tal-lum, ħafna tagħlim isir remotely jew mill-bogħod. Sfortunatament, għadna nassoċjaw it-tagħlim ma’ metodi tradizzjonali biss. Għalkemm il-metodu ta’ tagħlim huwa differenti minn dak li mdorrijin bih, is-sillabi baqgħu għaddejjin, b’forma differenti, iżda xorta qed nilħqu il-miri kollha li nistgħu.

Ħafna drabi nieħdu for granted kif tibgħat email, jew kif tuża app, iżda f’din is-sitwazzjoni qed nindunaw kemm dan mhux minnu. Il-fatt li għażilna li nużaw il-metodi li qed nużaw huwa propju biex bil-mod il-mod, inrawmu lit-tfal fl-użu tat-teknoloġija għat-tagħlim fil-waqt li nixprunaw dak li bl-Ingliż jissejjaħ independent learning.  

Kull edukatur għandu bżonn lill-ġenituri biex it-tfal ikunu jistgħu jimxu ‘l quddiem għax mirakli ma nagħmlux. Hemm tfal (u ġenituri) li għadhom m’għamlux biċċa xogħol waħda. Hemm tfal li tant huma bravi li x-xogħol qed ilestuh f’inqas minn 3 minuti. Qed nindunaw ukoll per eżempju, li xi tfal (u ġenituri) lanqas biss qed jaqraw dak li qed nibagħtu, u jekk jagħmlu x-xogħol, jagħmluh kif jidhrilhom huma, imbagħad jippretendu li għandna naddattaw l-istruzzjonijiet għax-xogħol kif ikunu għamluh huma. Mhux ser inkompli għax il-fatti jitkellmu waħedhom…

Filwaqt li lkoll kemm aħna nippreferu kieku qegħdin l-iskola, irridu nieħdu li nistgħu minn dawn iċ-ċirkustanzi. Inħeġġeġ lit-tfal (u l-ġenituri) biex ikomplu jsegwu u jagħmlu x-xogħol li ta’ kull ġimgħa l-għalliema u l-LSEs qegħdin iħejju ħalli meta nerġgħu lura l-iskola nkunu nistgħu nkomplu bir-ritmu tas-soltu.

Inselli għalikom

Charlot Cassar
Kap tal-Iskola